Il-banek ċentrali jingħaqdu mal-industrija tal-informatika fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus

9 Marzu 2004
Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (Aġġornat b’tagħrif attwali)

Bi tweġiba għat-theddida mill-użu ta’ kompjuters personali u apparat tax-xbihat diġitali, li kulma jmur qiegħed jiżdied fil-falsifikazzjoni tal-karti tal-flus, il-Gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G10 f’Mejju 2000 awtorizzaw grupp ta’ banek ċentrali biex jiżviluppa sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni diġitali. Fil-laqgħa li għamlu f’Marzu 2004, il-Gvernaturi ħadu nota tal-progress sinifikanti li sar f’dan il-qasam.

Il-grupp maħtur mill-banek ċentrali biex jiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-flus (CBCDG) issa żviluppa sistema li tiskoraġġixxi l-falsifikazzjoni tal-flus (CDS), li tikkonsisti f’tekonoloġiji li ma jħallux kompjuters personali u apparat tax-xbihat diġitali jikkupjaw jew jirriproduċu x-xbieha ta’ karta tal-flus protetta.

Ħafna manifatturi ewlenin tal-ħardwer u s-softwer tal-kompjuters personali adottaw is-sistema minn jeddhom għaliex għarfu l-ħsara li l-flus foloz jistgħu jagħmlu lill-klijenti tagħhom u lill-pubbliku ġenerali. Din it-teknoloġija ma żżommx rekord ta’ kif jintużaw il-kompjuters personali jew l-apparat tax-xbihat diġitali u l-konsumaturi ma jkunu jistgħu jaraw ebda differenza fit-tħaddim jew fl-effiċjenza ta’ prodotti li huma mgħammra biha.

Iżjed tagħrif jinsab fuq il-websajt www.rulesforuse.org li għandha links għar-regolamenti ta’ diversi pajjiżi dwar ir-riproduzzjoni tal-karti tal-flus. F’pajjiżi fejn it-teknoloġija l-ġdida tillimita l-ikkupjar ta’ xbihat tal-karti tal-flus mill-utent, il-bank ċentrali (jew l-awtorità xierqa) se jipprovdi xbihat ta’ karti tal-flus għar-riproduzzjoni skont il-ħtiġijiet tiegħu. Il-websajt tgħarraf lill-utenti bil-proċeduri u s-sorsi ta’ xbihat tal-karti tal-flus għall-pajjiżi fejn dawn ikunu disponibbli.

X’inhu s-CBCDG?

Il-kompitu tas-CBCDG huwa li jistħarreġ theddidiet ġodda għas-sigurtà tal-karti tal-flus u li jipproponi soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati mill-awtoritajiet li joħorġu l-karti tal-flus. Is-CBCDG huwa grupp ta’ ħidma magħmul minn għadd ta’ banek ċentrali u awtoritajiet li jistampaw il-karti tal-flus.